Aġenzija Żgħażagħ u Pjazza Teatru Rjal temmew b’suċċess it-tieni edizzjoni tal-programm ta’ mentoring għal kompożituri żgħażagħ Young Composers’ Mentoring Programme. Il-parteċipanti żgħażagħ f’dan il-programm ippreżentaw ix-xogħol tagħhom fl-egħluq tal-ħidma tagħhom nhar il-Ġimgħa, 9 ta’ Ġunju ġewwa s-Sala Robert Sammut. Matul dawn l-aħħar erba’ xhur huma ġew esposti għall-għarfien relatat mal-kompożizzjoni u l-industrija tal-mużika taħt id-direzzjoni tal-Maestro Paul Abela (Pop, Rock, u Jazz) u l-Maestro Christopher Muscat (mużika klassika).
Il-programm Young Composers huwa parti minn numru ta’ opportunitajiet għal artisti u kreattivi Żgħażagħ li l-Aġenzija Żgħażagħ toffri permezz tal-inizjattivi ta’ arti u kultura. Il-programm jifforma proġett ta’ resposabbilita soċjali fil-ħidma ta’ Pjazza Teatru Rjal, li l-irwol li għandu fl-edukazzjoni tal-ġenerazzjonijiet żgħażagħ ta’ mużiċisti f’Malta u Għawdex.
6 żgħażagħ kienu parti minn Young Composers din is-sena: David Dimech, Matthew Amaira, Bettina Farrugia, Christine Muscat, Tina Song u Matthias Grech. Ix-xogħlijiet oriġinali ta’ dawn il-kompożituri Żgħażagħ ġew eżegwiti minn mużiċisti mill-Malta Concert Orchestra, fosthom is-Sopran Nadia Vella. Għadd ta’ kompożituri żgħażagħ akkumpanjaw lil dawn il-mużiċisti waqt l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet tagħhom.
Aġenzija Żgħażagħ u Pjazza Teatru Rjal jixtiequ jesprimu l-apprezzament tagħhom u jawguraw lil dawn il-kompożituri żgħażagħ għall-entusjażmu li wrew f’din l-avventura mużikali u jawgurawlhom kull suċċess fil-karriera artistika tagħhom.