Flimkien mal-Kummissarju għat-Tfal, Aġenzija Żgħażagħ organizzat seminar ta’ jumejn fejn 18 -il żagħżugħ ipparteċipaw b’ħeġġa u b’ideat differenti. Is-seminar kien intitolat – ‘Let’s Talk Young, Let’s Talk about Promoting and Protecting Children’s Rights’ u l-għan tiegħu kien li jipprovdi liż-żgħażagħ bl-opportunità li jiddiskutu kif jagħmlu d-drittijiet tat-tfal aktar aċċessibbli, viżibbli, u interattivi.
Matul l-ewwel jum, iż-żgħażagħ kellhom l-opportunità li jsiru jafu lil xulxin u jiffamiljarizzaw ruħhom mat-tema permezz ta’ attivitajiet fejn iż-żgħażagħ kellhom jaħsbu b’mod kritiku. Fit-tieni jum, kellhom ipoġġu fil-prattika l-kreattivita’ tagħhom u jesprimu lilhom infushom permezz tal-arti.
Matul il-ġurnata, ż-żgħażagħ kellhom ukoll iċ-ċans li jistaqsu mistoqsijiet jew jiddiskutu ċertu ħsibijiet mal-Kummissarju għat-tfal Antoinette Vassallo u mal-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Żgħażagħ Miriam Teuma. Fl-aħħar nett, ipproponew xi rakkomandazzjonijiet sabiex l-għan tas-seminar ikun jista’ jintlaħaq. Fuq fuq, biex id-drittijiet ikunu aktar aċċessibbli, viżibbli, u interattivi, ż-żgħażagħ issuġġerew li huwa dejjem importanti li jkomplu jippromwovu d-drittijiet tat-tfal b’modi differenti. Iż-żgħażagħ tennew li l-iskejjel għandhom rwol importanti f’dan l-aspett filwaqt li esprimew lilhom infushom ukoll billi saħqu fuq l-importanza tal-parteċipazzjoni f’attivitajiet extra-kurrikulari u f’organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ.