‘This or That’ huwa proġett li l-Aġenzija Żgħażagħ qegħda tniedi maż-żgħażagħ li qedgħin jattendu l-ewwel sena tal-programm tal-Youth.inc. Il-proġett jaħdem fuq il-kunċett li għażliet żgħar isiru azzjonijiet, l-azzjonijiet isiru drawwiet, u d-drawwiet isiru stil ta’ ħajja. Huwa stat ta’ fatt li hemm deċiżjonijiet diffiċli, madanakollu hemm diversi deċiżjonijiet oħra anqas diffiċli li jridu jsiru kuljum. Minn għażliet żgħar, kultant lanqas nindunaw li wasalna f’deċiżjonijiet aktar importanti, bħal x’ħa nieklu jew x’ser nilbsu. Imma l-aktar ħaġa essenżjali hija liż-żgħażagħ jifhmu l-importanza li lkoll kemm aħna nagħmlu deċiżjonijiet tul il-ġurnata. Infatti, r-riċerka turi li aħna nagħmlu bejn wieħed u ieħor mal-mitt (100) għażla kuljum.
Dan il-proġett jiffoka fuq id-deċiżjonijiet li jittieħdu dwar il-benessiri, is-saħħa fiżika u mentali, l-emozzjonijiet, drawwiet tal-ikel, kif tqassam il-ħin, kif tippjana dak li tixtri, eċċ. The project-based methodology użata f’dan il-proġett, tiffoka billi tiġi ddentifikata sitwazzjoni reali, u ż-żgħażagħ jaħdmu flimkien biex isibu soluzzjonijiet biex jagħmlu għażliet tajbin ta’ kuljum. Għall-ewwel set ta’ sessjonijiet iddedikati għas-saħħa fiżika, il-persuna mistiedna biex ikellem liż-żgħażagħ ser ikun Fabio Spiteri.